Persuni b’diżabilita se jkunu aktar indipendenti filwaqt li jgawdu minn residenzi ġodda fi tliet lokalitajiet differenti.
Residenzi li huma aċċessibbli u li huma pjanati bil-għan li joffru l-aqwa spazju għal persuni bi bżonnijiet differenti.
Fost dawn ir-residenzi, hemm dik f’Ħaż-Żabbar li hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna.
Sa Novembru li ġej se jkunu qed jinfetħu tliet idjar oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabbiltà.
Dawn ir-residenzi jinsabu fil-lokalitajiet ta’ Pembroke, il-Marsa u Ħaż-Żabbar u x-xogħol infrastrutturali fuqhom jinsab fl-aqwa tiegħu.
Dan bħala parti mill-Proġett tal-Gvern Soċjetà Ġusta fejn madwar il-pajjiż qed jinfetħu djar fil-qalba residenzjali tal-lokalitajiet bil-għan li l-persuni b’diżabbiltà jgħixu ħajja iktar indipendenti u jħossuhom parti mill-familja tal-belt jew raħal li jkunu fih.
L-investiment fuq dawn it-tliet idjar ilaħħaq in-nofs miljun ewro u fihom se jilqgħu sbatax –il persuna.
Tispikka d-dar li qed tinbena f’Ħaż-Żabbar għaliex din se tkun l-ewwel tat-tip tagħha f’pajjiżna, bil-Perit Frank Muscat fisser kif il-binja tfasslet u nbniet apposta.
Dawn ir-residenzi se jkunu qed jagħtu ħajja aktar indipendenti lil persuni b’dizabilita li se jkunu qed jgħixu flimkien skont l-bżonnijiet tagħhom.
Ir-residenza ta’ Pembroke se tkun qed tilqa’ tfal b’imġieba li toffri sdida, dik tal-Marsa se takkomoda adulti bl-istess tip ta’ mġieba, filwaqt li dik ta’ Ħaż-Żabbar se toffri spazju addattat għal persuni b’diżabiltajiet varji iżda simili.
Il-Kummissjoni għal Persuni b’Diżabilita hija r-regolatur ta’ dawn ir-residenzi għal persuni b’diżabbilta u tassigura li jkunu aċċessibbli u ta’ livell.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Dizabilita Oliver Scicluna tkellem b’sodisfazzjon dwar dan il-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari għal persuni b’diżabbilta, Anthony Agius Decelis, tenna kif dawn huma binjiet li jissimbolizzaw kif fuq l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà dan il-gvern għadda mill-kliem għall-fatti.
U filwaqt li għaddejja l-ħidma fuq dawn it-tliet idjar, diġa’ tlestew il-pjanijiet għal tliet idjar oħra li se jkunu qed isiru f’Ħal Kirkop, il-Qrendi u ż-Żurrieq.