Kif kien mistenni, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma laqax l-isfida li għamillu l-Prim Ministru lbieraħ fil-Parlament u qed ikompli jippersisiti li jibqa’ għaddej bl-iskema ta’ dejn sigriet, ta’ ħabi, bla trasparenza u mhux garantit. Dan qalu fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit qal li huwa ċar li Simon Busuttil jitkellem mod u jagħmel ieħor. Filwaqt li jkun judge & jury fuq kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-Gvern u l-Partit Laburista, fuq dawk ta’ madwaru u fuq l-affarijiet li jiddeċiedi hu li jagħmel fil-Partit Nazzjonalista, ir-regoli ma japplikawx.
Busuttil jitkellem ħafna fuq standards u politika onesta, iżda qed jippersisti li jkompli jaħbi permezz ta’ din l-iskema li fuqha jqumu suspetti kbar ħafna, mhux biss għal animu warajha, dik li l-Partit Nazzjonalista jdur mal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, iżda anke għall-ipokrezija, fejn filwaqt li jitkellmu fuq governanza, permezz ta’ din l-iskema qed ikun promoss il-ħabi.
Jekk xi darba jrid li xi ħadd jipprova jieħdu ftit żgħira bis-serjetà, Simon Busuttil għandu jemmen lil kliemu stess qabel xejn u jwaqqaf din l-iskema li tinċentiva l-ħabi.