Ilbieraħ, għall-ħabta 18:30, il-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq id-Duluri, il-Pieta’.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta, li l-Pulizija mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit kienu qed isegwu raġel li kien għaddej bil-mutur u li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż u hekk kif induna bihom dan ħarab minn fuq il-post, tilef il-kontroll tal-mutur tal-għamla Piaggio Runner u ħabat ġo karozza tat-tip Renault Megane, li kienet ipparkjata.
Waqt li kien qed jipprova jaħrab ir-raġel deher jarmi borża tal-plastik li kien fiha sustanzi suspettati droga u flus kontanti, filwaqt li iżjed tard ġo baskett li kien fil-pussess tal-istess raġel, il-Pulizija sabu iżjed flus kontanti u xi boroż tal-plastik.
Fuq il-post issejjħet ambulanza li ħadet lir-raġel li għandu 41 sena u residenti l-Pieta’ l-isptar Mater Dei għall-kura, fejn iżjed tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ għadha għaddejja.