Melvin Debono ta’ 33 sena, magħruf bħala “l-Quws”, inżamm arrestat, wara li hu pprova jaħrab mill-Pulizija, b’riżultat li żewġ uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit spiċċaw jaħbtu u anke jweġġgħu.
Kawża tal-istess aċċident, spiċċat iddaħħlet l-Isptar Mater Dei tfajla, li nzertat fuq il-post wara li kienet għadha ġejja mill-Malta Eurovision Song Contest.
Il-każ seħħ kmieni l-Ħadd fiż-Żurrieq, meta Debono allegatament ħarab bil-karozza malli ra l-Pulizija javviċinawh waqt argument, fejn allegatament kien qed jaggredixxi lis-sieħba tiegħu. Aktar tard, hu kellu wkoll argument ma’ sidien ta’ bar. Dan filwaqt li hu kellu jkun id-dar, fuq ordni tal-Qorti.
Iż-żewġ karozzi sofrew ħsarat estensivi, filwaqt li sitt karozzi pparkjati wkoll ġarrbu ħsarat.
L-akkużat, ġie mixli bi ħmistax-il akkuża, fosthom b’akkużi ta’ vjolenza domestika, li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail, kiser il-probation, li saq b’mod perikoluż, kif ukoll li m’obdiex l-ordnijiet mogħtija mill-Pulizija.
Meta mistoqsija mill-Avukat Franco Debono għad-difiża, il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat mar l-għassa minn jeddu u li s-sieħba ma kinitx irrapportatu.
Il-Qorti ordnatlu wkoll biex ma jagħmilx kuntatt mal-mara.
Melvin Debono, li l-ġimgħa l-oħra ngħata ordni ta’ probation u multa ta’ €2,500 wara li kiser l-ordnijiet tal-Qorti, baqa’ jinżamm arrestat.