F’Ġenova qed jibku t-telfa ta’ 100,000 passiġġier, li f’sentejn se jiġu pajjiżna minflok.
“Malta se tkun homeport mill-ġdid fl-2017” jgħid artiklu fuq La Stampa, b’referenza għall-cruises tal-kumpanija P&O, li fost il-cruiseliners għandha Oceana. Dan se jibda juża lil Malta bħala post minn fejn jitlaq u jasal lura.
It-Taljani rrapportaw l-aħbar ikkonfermata mill-Ministru Edward Zammit Lewis, flimkien mal-fatt li P&O għażlu li ma jibqgħux joperaw mill-port marittimu ta’ Ġenova.
“Ġenova b’hekk, f’pass wieħed, tilfet ir-rwol prezzjuż tagħha bħala post għal P&O fil-Mediterran. Tiflet dak li jwassal il-ġid lejn l-art u t-traffiku minn u lejn l-ajruport Cristoforo Colombo” itemm jgħid l-artiklu, konxji mill-fatt li dan ix-xogħol issa se jibda jinġieb lejn il-Belt Valletta.