Libjan li xellef difrejh mal-ġustizzja għat-tielet darba spiċċa jibki fl-awla tal-Maġistrat Charmaine Galea meta ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs.
Ir-raġel ta’ 24 sena kien akkużat li pprova jisraq turista Ingliża f’ Buġibba.
Ħu l-vittma xehed kif Alsagheer Mohamed Rajab Ali poġġa fuq bank ħdejn oħtu, qabad jgħannaqha għall-għarrieda sakemm serqilha xi oġġetti mill-basket u ħarab bihom.
Wara li ġrew ġirja warajh, il-familjari tal-vittma irnexxilhom jaqbduh u żammewh sakemm waslu l-Pulizija.
Il-Libjan ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat avżatu li għandu bżonn jitgħallem miż-żmien li jqatta’ l-ħabs u mhux jerġa’ jikser il-liġi malli jinħeles, għaliex jekk le se jispiċċa ħażin.