Ingħata bidu għall-Olimpjadi fiċ-Ċina, hekk kif Beijing saret l-unika belt li qed tospita kemm il-logħob tas-sajf u issa anki tax-xitwa.
Minbarra restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, il-Logħob Olimpiku qed jintlagħab fost tensjoni politika kbira fuq allegazzjonijiet dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u bojkotts.
Kważi ħadd ma jista’ jattendi għall-Olimpjadi, hekk kif iċ-Ċina qed timxi fuq strateġija li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ Covid irrappurtat.
Għal dan il-għan, l-awtoritajiet iddeċidew li ma jkunx hemm biljetti għall-bejgħ għall-pubbliku u huma biss membri tal-Partit Komunista fil-Gvern jew ħaddiema ta’ kumpaniji kkontrollati mill-Gvern li qed jiġu mistiedna. Dawn ukoll iridu jobdu regoli stretti ta’ ttestjar u miżuri oħra biex ikunu jistgħu jattendu.