Infrastructure Malta bdiet l-aħħar fażijiet tal-proġett ta’ €5 miljun biex jitwessa’ l-Marsa-Ħamrun Bypass it-Tnejn filgħodu, hekk kif jinfetħu żewġ korsiji ġodda waqt li temporanjament jingħalqu dawk eżistenti sabiex jinbnew mill-ġdid.
Iż-żewġ korsiji tal-karreġġjata fid-direzzjoni tan-Nofsinhar ta’ din it-triq, mill-Imrieħel lejn il-Marsa, ser jiġu spustjati b’mod temporanju għaż-żewġ korsiji li għadhom kif inbnew. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta ser jibdew jibnu mill-ġdid il-korsiji ta’ din il-karreġġjata hekk kif tingħalaq.
It-triq ser tibqa’ miftuħa għall-ivvjaġġar fiż-żewġ direzzjonijiet, iżda dawk li jgħaddu minnha għandhom isegwu d-direzzjonijiet temporanji, fosthom limiti ta’ veloċità mnaqqsa, li qed jiġu murija b’tabelli mal-ġnub tat-triq. Xogħolijiet li ma jistgħux isiru b’sigurezza mingħajr ma tingħalaq it-triq, fosthom it-tqegħid tal-aħħar saffi ta’ asfalt f’wiċċ it-triq, ser isiru bil-lejl biex jonqsu d-diffikultajiet għall-pubbliku.Fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta ser tkun qed tibni s-central strip ġdida li tissepara ż-żewġ karreġġjati, tqiegħed sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita, tibni mill-ġdid is-sisien tat-triq u fl-aħħarnett tiksiha b’għadd ta’ saffi ta’ asfalt. Hekk kif dan ix-xogħol ikun wasal biex jitlesta, Infrastructure Malta tkun tista’ ttemm il-proġett billi tibni mill-ġdid il-karreġġjata tat-Tramuntana, mill-Marsa u Ħal Qormi, lejn l-Imrieħel u l-mini ta’ Santa Venera.
Il-ħidma fil-Marsa-Ħamrun Bypass, li bdiet aktar kmieni din is-sena, tinkludi l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq arterjali b’erba’ korsiji, sabiex titwessa b’żewġ korsiji ġodda, waħda kull naħa. Waħda minn dawn iż-żewġ korsiji ser tneħħi x-xkiel hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni lejn il-Marsa. Bħalissa żewġ korsiji li joħorġu minn taħt il-mina jidjiequ għal korsija waħda, sitwazzjoni li toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkunu sejrin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. In-naħa l-oħra, fil-karreġġjata li mill-Marsa u Ħal Qormi twassal għall-mini ta’ Santa Venera u l-Bypass tal-Imrieħel, il-korsija ġdida li ser tiżdied b’dan il-proġett ser twassal biex minn Ħal Qormi tibqa’ għaddej dritt lejn l-Imrieħel mingħajr il-bżonn li taqleb minn korsija għal oħra. Dan ifisser inqas riskji ta’ aċċidenti.
Il-proġett tal-Marsa-Hamrun Bypass, li jista’ jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, huwa ppjanat li jitlesta f’April tas-sena d-dieħla. Madankollu, Infrastructure Malta qed taħdem sabiex tiftaħ is-sitt korsiji ta’ din it-triq għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi, sal-aħħar ta’ din is-sena.
Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew info.im@infrastructuremalta.com.