Wara ġimgħat sħaħ ta’ diżgwid u intriċċi, dalgħodu l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista bdew jivvotaw fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap ġdid flok il-kap caretaker Simon Busuttil.
Il-votazzjoni bdiet fit-8:00 ta’ filgħodu u tagħlaq fid-9.00 p.m. f’Malta u fit-8.00 p.m. f’Għawdex.
Il-kaxxi tal-votazzjoni jinsabu fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà u fis-‘Sub-Headquarters’ tal-PN f’Ta’ Sannat f’Għawdex.
Għal din l-elezzjoni qed jikkontestaw Alex Perici Calascione, Adrian Delia, Chris Said u Frank Portelli. Tnejn minnhom iridu jintgħażlu mill-kunsillieri bl-għażla aħħarija tkun f’idejn it-tesserati tal-partit fis-16 ta’ Settembru li ġej.
Il-process ta’ din l-elezzjoni beda f’Ġunju li għadda wara li Busuttil ħabbar li ma kienx se jibqa’ fil-kariga ta’ kap tal-partit meta l-partit immexxi minnu ġarrab telfa storika oħra fl-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju.
Busuttil daħal jixħet il-vot tiegħu waħdu f’waħda mill-kabini li hemm fid-Dar Ċentrali fejn malli niżel, bosta voluntiera laqgħuh bic-capcip.