Wara li fil-ġimgħat li għaddew tlesta t-tħaffir u tnifdet il-mina l-ġdida tal-Mrieħel Underpass Project, l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta bdiet ittella’ l-ħitan ta’ din il-mina li se tkun qed tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel.
L-aġenzija qed tippjana li din il-mina se tkun qiegħda tinfetaħ fis-sajf li ġej.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta spjega li fuq il-post diġà tpoġġew aktar minn ħamsa u sebgħin pannella tal-konkos li se jiffurmaw il-ħitan tal-mina.
Qal, “Ix-xogħol ta’ tħaffir u skavar lest kollu issa, u anke bħala pannelli li qed npoġġu bħalissa wkoll, il-ħitan biex niftehmu, dawn għadna diġà kwart minnhom f’posthom. Tajjeb ukoll li nsemmu li propju anke illum bdejna r-rampi li waħda minnhom tniżżlek għal ġol-mina u l-oħra toħorġok.”
Il-Kap Ezekuttiv spjega li din il-mina ġdida, li hija magħmula minn żewġ korsiji u twila sittin metru, se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel.
Huwa spjega li permezz ta’ din il-mina, l-andament prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel, ser jinfired mill-bqija tat-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Qal, “Is-central link propju tgħaqqad mal-Imrieħel Bypass, allura aħna, l-Imrieħel Bypass qed naraw bħala proġett ieħor imma allura ittejjeb u anke tiffaċċilita għal dak li hija l-Imrieħel l-antika, għal bypass tal-Imrieħel u anke għal Ħ’Attard.”
Billi se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan ħdejn ir-roundabout ġdida, l-Imrieħel Underpass Project se jippermetti wkoll l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rotta billi se jipprovdilhom rotta li tgħaqqad Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan ma’ triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.