Pilloli tal-pressjoni Candesartan li nġiebu mill-Gvern flok il-pilloli Valsartan issa huma disponibbli mill-ispiżeriji kollha li huma fl-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Kull spiżerija ngħatat kunsinna biżżejjed biex kull persuna intitolata għal dawn il-pilloli tkun tista’ tingħata provvista għal xahar sħiħ.
Malta hija fost ftit pajjiżi fid-dinja li ħadu ħsieb li jipprovdu alternattiva għall-pilloli Valsartan li seta’ kellhom impurità. Persuni intitolati għal dawn il-pilloli jistgħu jmorru fl-ispiżerija reġistrati magħha, jieħdu magħhom il-pilloli Valsartan li fadlilhom biex jinbidlulhom ma’ dawk Candesartan.
Għandu jkun innotat li l-pillola Candsartan 8mg hija ekwivalenti għal pillola Valsartan 80mg, filwaqt li Candesartan 16mg hija ekwivalenti għal Valsartan 160mg.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li tkun provduta mediċina alternattiva għall-pillola Valsartan kienet ittieħdet wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) kienet avżat li nstabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina. Dan kien wassal biex xi prodotti li fihom Valsartan ġew affettwati.