Madwar 4,000 resident fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex bdew jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster sabiex jibqgħu protetti kontra l-COVID-19.
Fi żjara fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, il-Ministri għas-Saħħa Chris Fearne u għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, assistew għall-proċess ta’ tilqim tal-anzjani residenti f’din ir-residenza.
Hawnhekk id-Deputat Prim Ministru qal li l-awtoritajiet għas-saħħa reġgħu ħarġu l-istedina tal-vaċċin lil madwar sbatax-il elf anzjan u anzjana li għandhom ’il fuq minn tmenin sena u li jgħixu fil-komunità, u mas-sitt elef persuna li għandhom sistema ta’ immunità baxxa.
Dan filwaqt li mal-2,000 anzjan ta’ ’l fuq minn 80 sena li jgħixu fil-komunità u li ma jqumux mis-sodda se jkunu mlaqqma fi djarhom stess b’appuntamenti li se jibdew jiġu komunikati b’telefonati fil-jiem li ġejjin.
F’din iż-żjara d-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li b’mod immedjat, fl-Isptar Mater Dei, f’każ ta’ ommijiet li huma pożittivi għall-COVID-19 waqt il-proċess tal-ħlas, kemm b’mod naturali kif ukoll b’ċesarja, se jitħallew ikunu akkumpanjati minn persuna waqt it-twelid.
Dan filwaqt li fil-każ li s-sieħeb tal-omm ikun jew tkun fi kwarantina mandatorja se jitħallew jakkumpanjaw l-omm waqt il-proċess tal-ħlas ukoll, kemm-il darba ma jkollhomx sintomi tal-COVID-19.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela faħħar l-effiċjenza tal-proċess ta’ tilqim fid-djar tal-anzjani, fejn fi ftit jiem mistenni li jkunu mlaqqma l-maġġoranza tal-anzjani residenti.
Huwa fisser li fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, madwar 89% tar-residenti kienu diġà mlaqqma bl-ewwel booster u se jkunu qed jirċievu t-tieni booster fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Abela ħeġġeġ lill-anzjani kollha li jirċievu l-istedina għall-booster biex dawn jaċċettaw ħalli l-immunità tagħhom tibqa’ tkun imsaħħa.