Fil-jiem li ġejjin id-Dipartiment għall-Ħarsien Soċjali se jibda jħallas l-ewwel pagamenti b’rabta mal-iskemi tal-Coronavirus li tħabbru tul it-tliet ġimgħat li għaddew.
George Cremona li huwa direttur f’dan id-dipartiment spjega li grazzi għal ħidma sfieqa minn dan id-dipartiment, fi ftit jiem minn mindu tħabbru se jkunu diġà tħallsu aktar minn 10% tal-pagamenti u se jkunu qed jitħallsu l-ewwel €168,000.
Huwa spjega: “Kull ġimgħa se jkun hemm proċess, kull ġimgħa se jkun hemm proċess ta’ pagamenti, jekk Alla jrid se jkollna ħafna aktar persuni li jirċievu dawn il-pagamenti. S’issa nista’ ngħid li 12.5% tal-benefiċċji tal-applikazzjonijiet se jkunu diġà qegħdin jitħallsu.”
Cremona kompla jispjega li l-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna lil diversi persuni milquta mill-leġislazzjoni li ddaħlet kawża tal-Coronavirus fosthom ġenituri ta’ tfal taħt is-sittax-il sena u li jaħdmu t-tnejn.
Huwa sostna: “Għal dawk il-ġenituri illi ma jistgħux imorru għax-xogħol mhux qed jirċievu l-paga għand l-employer u qed jieħdu ħsieb it-tfal li qegdin id-dar. Iż-żewġ ġenituri jridu jkunu qed jaħdmu u wada mill-ġenituri trid tkun id-dar tieħu ħsieb it-tfal.”
Huwa kompla jispjega li għal din il-miżura s’issa applikaw aktar minn 3,000 ġenitur bl-ispiża mistennija taqbeż il-€120,000.
Apparti din il-miżura, id-Dipartiment għall-Ħarsien Soċjali se jkun qiegħed ukoll jgħin persuni b’diżabilità, persuni li tilfu l-impjieg u persuni vulnerabbli li waqfilhom id-dħul tagħhom.
Is-Sur Cremona kompla jispjega: “Dan il-benefiċċju mediku se jkun qiegħed jingħata lil dawk il-persuni li rċivew l-ordni legali tas-Supretendenza tas-Saħħa sabiex ma joħorġux mid-dar. Allura jekk ma jistgħux jagħmlu teleworking u jitilfu dħul se jkunu qed jirċievu dan il-benefiċċju wkoll.”