Tlesta t-tqegħid ta’ tliet mija u sebgħin pilastru mniffdin bejn tliet u ħames sulari taħt Triq Għeriexem, hekk kif il-proġett ta’ bini mill-ġdid tat-triq, li qed isir b’investiment ta’ erba’ miljun ewro, wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu.
Il-proġett fl-Għeriexem tnieda f’Awwissu tal-elfejn u għoxrin, u se jinkludi belvedere ġdid mal-ġenb ta’ din it-triq, b’konnessjonijiet bil-mixi aktar siguri bejn l-Imdina, ir-Rabat u l-Imtarfa fost oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi spjega li fil-ġimgħat li ġejjin se jaslu l-pannelli fotovoltaiċi tal-mogħdija solari ġdida ta’ din it-triq.
Huwa stqarr: “Proġett partikolari ngħidlu jien għaliex apparti hemm xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ triq, kien proġett li jinvolvi anke li nistabilizzaw it-triq. Kellek bini li kien ta’ periklu għaliex t-triq kienet qed tikkolassa.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li r-residenti li jgħixu f’din it-triq kienu ilhom għexieren ta’ snin jappellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni ħalli s-sisien ta’ din it-triq ma jibqgħux iċedu u jikkaġunaw ħsarat kbar lid-djar tagħhom, b’uħud minnhom saħansitra jinsabu f’periklu li jiġġarfu.
Huwa qal,“Din hija infrastruttura li ħadd ma ridt jagħmel. Infrastruttura li kulħadd beża’ minnha għal detriment tal-familji li kienu jgħixu fil-periklu. Fil-fatt evakwajna l-familji għamilna xogħlijiet u issa qed jirritornaw. Apparti minn hekk qed noħlqu disgħin parkeġġ ġdid.”