Iċ-Ċina u l-Kanada ħabbru azzjonijiet b’ritaljazzjoni hekk kif it-tariffi mħabbra minn Donald Trump kontra l-Kanada, Messiku u ċ-Ċina daħlu f’effett mil-lum.
Il-Kanada filfatt ħalfet li timponi 25% tariffi fuq madwar $150 biljun ta’ prodotti importati mill-Istati Uniti.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina ħabbret minn 10% sa 15% tariffi fuq l-importazzjoni ta’ prodotti Amerikani tal-agrikoltura filwaqt li għandha fil-mira kumpaniji Amerikani tal-avjazzjoni, difiża u teknoloġija hekk kif niżżlithom fil-lista ta’ entitajiet mhux affidabblli u għalhekk għamlithom suġġetti għall-kontrolli ta’ esportazzjoni.
Il-Messiku mistenni jħabbar ir-risposta tiegħu aktar tard illum hekk kif il-President Claudia Scheinbaum it-Tnejn iddikjarat li għandha pjanijiet ta’ kontinġenza.
Trump irdoppja d-dazju fuq prodotti Ċiniżi għal 20% hekk kif iddikjara li ċ-Ċina mhiex qed timpenja ruħha biżżejjed sabiex trażżan l-importazzjoni tad-droga fentanyl fl-Istati Uniti. Huwa wkoll qed isostni li dawn it-tariffi se jkunu qed jisfurzaw lill-Kanada u l-Messiku sabiex jieħdu aktar azzjoni biex iwaqqfu d-dħul ta’ drogi illegali u immigranti fil-pajjiż.
Minħabba l-possibiltà li se tiskatta gwerra ekonomika, is-suq Amerikan ra waqgħa fil-prezzijiet filwaqt li dak Ażjatiku jinsab inċert.