Wara t-tħabbira tal-elezzjoni ġenerali mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fil-Floriana, l-Partit Laburista beda jarma l-ewwel billboards u banners bit-tema tal-kampanja elettorali ‘Malta Flimkien’.
Diversi toroq madwar il-gżejjer Maltin għandhom il-messaġġ ‘Malta Flimkien’.
F’diskors li għamel il-Prim Ministru ħabbar li l-poplu se jkun qed joħroġ jivvota fis-26 ta’ Marzu li ġej.
Wara l-attività, l-Prim Ministru laqqa’ l-Kabinett tal-Ministri, bil-Grupp Parlamentari Laburista kien mistieden għal-laqgħa ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja.
Wara din il-laqgħa l-Prim Ministru mistenni jmur għand il-President tar-Repubblika Dr George Vella sabiex jagħtih il-parir biex ixolji l-Parlament.
Tkun tista’ ssegwi dawn l-iżviluppi kollha fuq xandira speċjali li qed tittella’ fuq l-istazzjonijiet ONE.



