Mill-għaxra ta’ Diċembru, il-Malta Enterprise se tibda tilqa’ applikazzjonijiet fi skema ta’ erba’ miljun ewro, li permezz tagħha jingħataw għotjiet biex jinbidel makkinarju qadim fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Fil-fatt, b’din l-iskema, il-Gvern qed iħeġġeġ lill-operaturi biex jiskreppjaw u jibdlu makkinarju qadim għal makkinarju ġdid li jiġġenera inqas emissjonijiet.
Fil-prinċipju, it-tagħmir li jiġi skreppjat u dak li jinxtara, irid jipprovdi l-istess funzjoni, għalkemm jekk it-tagħmir il-ġdid ikollu l-istess kapaċità ta’ daqs tal-magna u jirriżulta fi tnaqqis raġonevoli fl-emissjonijiet tal-karbonju, jiġi kkunsidrat ukoll.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħeġġet lill-operaturi biex japplikaw għal din l-iskema biex ma jibqax jintuża tagħmir li jniġġes u jagħmel ħsara lill-ambjent.
Il-formola tal-applikazzjoni għal din l-iskema hija disponibbli fuq is-sit elettroniku regeneration.maltaenterpise.com, u s-sottomissjonijiet jistgħu jsiru mill-ġimgħa d-dieħla ’l quddiem.
Kull benefiċċjarju jista’ jibbenefika sa mitejn elf ewro skont ir-regoli tal-iskema.