Mil-lum mal-4,000 student bdew jirċievu l-assessjar tagħhom mill-MATSEC li fid-dawl tal-pandemija ħa post l-eżami taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (SEC).
F’suġġetti ewlenin bħall-Malti, l-Ingliż u l-Matematika, ir-riżultati baqgħu fl-istess livelli.
F’konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairperson tal-Matsec Dr Odette Vassallo spjegat li f’din is-sitwazzjoni bla preċedent saru arranġamenti biex fiċ-ċirkostanzi l-affarijiet jimxu kemm jista’ jkun b’mod normali.
Semmiet li kien hemm ħtieġa li l-istudenti jirċievu ċertifikazzjoni li ilhom jistudjaw għaliha filwaqt li s-sitwazzjoni tkun waħda ġusta u ekwa mal-istudenti kollha.
Spjegat li biex dan isir kien hemm bżonn l-informazzjoni mill-iskejjel kollha.
Dr Vassllo spjegat: “Aħna ġbarna l-informazzjoni, u din inħadmet b’mod u manjiera li dejjem żammejna f’moħħna li jkun hemm kollox ġust u ekwu għall-istudenti.”
L-assessjar sar abbażi tal-informazzjoni li nġabret mill-eżamijiet magħrufa bħala tal-mocks, li jsiru fl-iskejjel qabel is-SEC.
Dr Vassallo rrimarkat li l-mocks huma l-iżjed eżami viċin il-kundizzjonijiet tal-eżami tas-SEC. Ma’ dawn inġabret ukoll informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ kull student fis-suġġett fi snin preċedenti.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-MATSEC, Is-Sur Dario Pirotta stqarr: “Kienu intenzjonati li jsiru bħala mock normali tal-iskola. Hija s-sitwazzjoni li ġejna fiha li ġelitna nużaw il-mocks f’dan l-eżerċizzju. Allura kienet importanti li naraw it-trends li kienu għaddejjin f’kull suġġett matul is-snin u din is-sena xejn differenti mis-snin ta’ qabel.”
Semma li l-gradi tradizzjonali nqasmu fi tliet livelli: livell tlieta jiġbor il-gradi 1 sa 5, livell 2 jiġbor il-gradi 6 sa 7, imbagħad hemm grad U.
Ingħatat statistika fit-tliet suġġetti ewlenin: l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika.
Fl-Ingliż, Dr Pirotta qal li din is-sena 66.5% ġabu livell 3 meta mqabbel ma’ 66.9% is-sena li għaddiet. Fil-Malti, 76.1% ġabu livell 3 meta mqabbel ma’ 77.8% fl-2019 filwaqt li fil-matematika 69.2% ġabu livell 3 meta mqabbel ma’ 69.1% sena ilu.
2019 | 2020 | |
INGLIŻ | 66.9% | 66.5% |
MALTI | 77.8% | 76.1% |
MATEMATIKA | 69.1% | 69.2% |
Fakkar li dawn il-livelli mhux se jinfetħu għal reviżjoni iżda dawk li jixtiequ li jagħmlu eżami u jġibu grad tradizzjonali jistgħu jagħmlu dan f’Settembru.
Dr Pirotta tenna li l-livelli li kellhom jintużaw f’din is-sitwazzjoni se jibqgħu validi daqs kwalunkwe kwalifikazzjoni li setgħu ġabu mill-eżami tas-SEC, inkluż għal applikazzjoni futura fl-Università.