Fil-jiem li ġejjin, mal-erbat elef u sitt mitt student Universitarju li temmew l-istudji tagħhom b’suċċess is-sena l-oħra imma ma ggradwawx f’ċerimonja uffiċjali minħabba l-pandemija, se jkunu qed jilbsu t-toga u jieħdu ċ-ċertifikat biex jiċċelebraw u jaqtgħu l-frott ta’ snin ta’ studji u sagrifiċċji.
Fl-ewwel mis-sitta u għoxrin ċerimonja li se jsiru tul dan ix-xahar għall-istudenti li lestew l-istudji tagħhom is-sena l-oħra, iggradwaw studenti mill-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, fosthom infermiera u nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.
F’indirizz lill-gradwati, ingħad li tinstema’ stramba l-frażi li fl-elfejn u wieħed u għoxrin qed jiggradwaw studenti tal-elfejn u għoxrin, imma daqstant ieħor huma strambi ż-żminijiet li qed ngħixu fihom.
Madanakollu, l-istudenti ġew imfaħħra għar-reżiljenza li wrew biex minkejja l-isfidi bla preċedent, komplew jistudjaw u llum setgħu jiċċelebraw il-kisbiet tagħhom.