Il-familji Maltin u Għawdxin ser jibdew jirċievu l-ewwel pagamenti mill-miżuri soċjali tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Dan hekk kif mis-Sibt li ġej ser jibdew isiru ħlasijiet marbuta ma’ erba’ inizjattivi differenti u li jkopru l-ewwel erba’ xhur tas-sena d-dieħla.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù spjega l-miżuri li għalihom il-ħlas ser ikun qed jingħata kmieni.
Spjega, “Fi tmiem din il-ġimgħa ser inkunu qed inħallsu l-għajnuna supplimentari li allura minħabba l-miżura ġdida fil-Budget tas-sena d-dieħla, r-rati ħa jkunu miżjuda skond kif ħabbar f’dak il-Budget. Ser jitħallsu wkoll iż-żidiet fl-allowance għal tfal b’diżabilità f’din il-ġimgħa wkoll. Minkejja li m’hemmx tibdil per se fil-Budget għas-sena d-dieħla, ser jitħallsu wkoll il-ħlasijiet tal-allowance tat-tfal li jinkludu allura s-suppliment li beda jitħallas matul din is-sena l-ewwel darba u ħa tkun qed tidħol fis-seħħ ukoll miżura ġdida għall-persuni li ma jkollhomx indirizz fiss biex jieħdu l-assistenza soċjali.”
F’diskors li għamel, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon spjega kif miż-żidiet fir-rati supplimentari ser igawdu mal-28,740 persuna.
Lura fl-2016 in-nefqa fuq dawn il-benefiċċji kienet ta’ €5.74 miljun u issa fl-2022 din telgħet għal €17.5 miljun.
Din hija żieda ta’ kważi tnax-il miljun ewro.
L-allowance għal tfal b’diżabilità ukoll ser tiżdied b’€5 biex b’hekk issa din l-għajnuna titla’ għal €30 fil-ġimgħa jew ekwivalenti għal €1,560 fis-sena.
Huwa nnota wkoll kif f’benefiċċju taċ-children’s allowance koppji li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx il-€25,318 sa issa gawdew minn żieda ta’ €166 fuq kull wild.
Il-Ministru stqarr kif il-ħlasijiet qed ikunu antiċipati sabiex fi żminijiet ta’ festi kulħadd ikun f’qgħada aħjar biex igawdi flimkien mal-familja tiegħu.
Qal, “Il-miżuri huma dak li huma miżuri pożittivi ħafna, t-tieni nett hemm ċertu kategoriji li nemmnu li minbarra li għandhom iż-żidiet għaliex aħna m’għandniex nantiċipaw dawk il-ħlasijiet biex anke dawn in-nies fi żminijiet ta’ festi jkunu f’qgħada aħjar biex jipparteċipaw fil-ġid tal-pajjiż.”