Hekk kif it-Tnejn bosta persuni madwar Malta u Għawdex bdew jirċievu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa flimkien ma’ ċekk addizzjonali ta’ stimulu ekonomiku wara pandemija, il-Gvern ħabbar li mhux jeskludi li jerġa’ jipprovdi aktar għajnuna aktar tard din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif propju spjega li l-Gvern se jibqa’ man-nies quddiem sfidi dinjija li pajjiżna qed jaffaċċja.
Qal, “Ma neskludix eventwalment ukoll li aktar tard din is-sena jekk tinħass il-ħtieġa, il-Gvern ikollu jerġa’ jintervjeni.”
F’Ħaż Żabbar il-Ministru Caruana semma wkoll iċ-ċifri b’rabta maċ-ċekkijiet li bdew jitqassmu.
Fil-fatt, spjega kif iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa se jammontaw b’kollox għal €25.5 miljun filwaqt dawk addizzjonali se jammontaw għal €48 miljun.
F’dawk li għandhom x’jaqsmu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa, il-Ministru Caruana spjega kif se jgawdu minnhom 243,000 persuna filwaqt li fakkar kif dawn żdiedu skont dak li tħabbar fil-Budget għal din is-sena.
Huwa spjega wkoll kif kienu 161,000 persuna li gawdew minn dan iċ-ċekk taħt il-komputazzjoni singola.
B’kollox għal din il-faxxa ta’ nies intefqu €16.5miljun.
Dawk taħt il-komputazzjoni ta’ ġenitur u li se jirċievu dan iċ-ċekk jammontaw għal 52,000 persuna u b’kollox se jingħatalhom €5.2 miljun.
Fl-aħħar dawk li jaqgħu taħt il-komputazzjoni ta’ miżżewġin jammontaw għal 30,500 persuna u b’kollox se jingħatalhom €3.8 miljun.
Hawn il-Ministru Clyde Caruana fakkar fil-proposta tal-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali li tassigura li jekk jerġa’ jiġi elett Gvern Laburista din il-miżura mhux biss se tinżamm iżda anke tiżdied u tiġi mwessa’.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega wkoll kif miċ-ċekkijiet tal-Gvern li ser ikunu ta’ sostenn għall-irkupru mill-pandemija se jgawdu 361,000 persuna.
Nies li jgawdu mill-benefiċċji soċjali u li b’hekk se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ €200 jammontaw għal 24,189.
Għal dawn il-persuni l-Gvern se jkun qed jinvesti €4.8miljun.
Flimkien magħhom se jkun hemm ukoll 93,987 pensjonant li se jirċievu ċekk ta’ €200.
Għal dawn il-persuni din in-nefqa se tammonta għal €18.8 miljun.
Intant il-Ministru Caruana spjega kif dawk li se jgawdu minn ċekkijiet ta’ €100 huma l-ħaddiema u l-istudenti. B’kollox se jkun hemm 232,366 ħaddiem li b’kollox permezz ta’ dan iċ-ċekk se jingħatalhom €23.2 miljun.
Se jkun hemm ukoll 10,425 student li se jirċievu dan iċ-ċekk.
Għaċ-ċekkijiet tal-istudenti l-Gvern se jkun qed joħroġ aktar minn €1miljun.
Qal, “Iż-żmien li ġej quddiemna se jkun żmien importanti ħafna għaliex se jkunu mhux ftit dawk il-pajjiżi li għax finanzjarjament ma jifilħux se jgħaddu l-piż tagħhom direttament liċ-ċittadini ta’ pajjiżhom. Aħna f’dan il-pajjiż il-finanzi tagħna għadhom sodi, il-pajjiż għadu jiflaħ u għal daqstant se nkomplu naraw li fiż-żmien li ġej inkomplu nwieżnu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu ħalli b’hekk nassiguraw li dan il-pajjiż ikompli miexi fit-triq it-tajba.”