Bdew jaslu ċ-ċekkijiet tal-inġustizzji dan wara li lbieraħ tħabbat li b’allokazzjoni ta’ ħdax-il miljun ewro, mas-sitt elef familja jew werrieta tagħhom din il-ġimgħa diġà bdew jibbenefikaw minn miżura li tħabbret fl-aħħar budget biex issewwi l-inġustizzji li saru magħhom fil-passat.
Dan hekk kif il-Gvern qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jsewwi l-inġustizzji ma’ erba’ kategoriji ta’ ħaddiema fosthom elfejn u sitt mitt persuna li kienu fil-korpi tax-xogħol u li kienu qed jagħtu servizzi lil dipartiment tal-Gvern qabel l-1979, iżda li kienu bdew jagħmlu parti mis-servizz pubblika wara Jannar ta’ dik s-sena.
Il-benefiċċju se jirċevuh ukoll aktar minn sitt mitt ex ħaddiem li kellhom il-liċenzja biex jaħdmu bejn April tal-1973 u Ġunju tal-2007 u aktar minn elfejn u erba mitt pulizija li ma tħallsux għal ‘sahra’ li għamlu bejn l-1993 u l-2009 u li kważi nofshom diġà rtiraw jew mietu.
Se tkun qed issir ġustizzja wkoll mal-ex ħaddiema tal-Malta Electricity Board. Hawn se jgawdu mal-mitejn u sebgħin persuna.