Dawn ir-ritratti juri l-ħaddiema jarmaw il-presepju Malti li se jkun qed jiġi esebit fi Pjazza San Pietru.
Il-presepju telaq minn Malta nhar il-Ġimgħa. Wara jumejn ta’ tgħobbija tal-materjal f’żewġ containers, telaq minn Malta lejn il-Vatikan sabiex jiġi armat fi Pjazza San Pietru u mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru jkun jista’ jibda jpaxxi l-għajn ta’ min izur il-Vatikan sat-tmienja ta’Jannar.
Kif jgħaddi dan iż-żmien imbgħad se jkun esebit f’pajjiżna f’postijiet pubbliċi fi żmien il-Milied. Il-presepju huwa partikolari għax fih karatteristiċi tipiċi tal-pajsaġġ Malti, inkluż l-arkitettura, il-flora u l-fauna, kif ukoll figuri tradizzjonali tal-presepju.
Il-presepju ntgħazel wara li d-Direttorat tal-Kultura, f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, ippubblika sejħa għad-disinn u l-bini ta’ presepju artistiku.
Il-proġett jinkludi kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fis-17 ta’ Dicembru fil-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori le Mura f’Ruma, bid-dħul bla ħlas.