Beda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-Kumpless tal-Motorsport f’Ħal Far, li se jiffoka fuq it-trakka tad-drag racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha.
It-trakka tal-Motorsports se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-drag racing. Dan se jkun qiegħed iwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-federazzjoni internazzjonali tat-tlielaq tal-karozzi, l-FIA, u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tagħha.
Għalhekk, b’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-drag racing.
Ix-xogħol infrastrutturali jinkludi ċ-ċaqliq tat-torri biex it-trakka titwal, żieda fil-faċilitajiet u aktar miżuri ta’ sigurtà, kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-ispettaturi, madwar it-trakka.
Se tiżdied ukoll il-parti tal-ispettaturi biex din issa tibda takkomoda 3,000 spettatur. Se jinbena mill-ġdid torri tal-kontroll kif ukoll spazju għall-midja li se jkunu ta’ livell internazzjonali.
Se jkunu mibnija mill-ġdid il-faċilitajiet għas-sewwieqa, li se jkunu aktar moderni u jinkludu dak kollu li jixraq lil dan l-isport popolari.
B’dan it-titjib li se jsir, it-trakka tad-drag racing, li hi parti mill-Kumpless tal-Motorsport, issa se tkun l-aqwa faċilità tat-tip tagħha fil-Mediterran.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isports, Clifton Grima, u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, żaru l-ewwel fażi tax-xogħlijiet tal-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far.
Huma spjegaw li dan il-proġett tal-ogħla livell u li jilħaq standards internazzjonali, hu investiment li se jżomm l-wegħda li għamel Gvern Laburista mal-komunità tal-motorsport Maltija.