Bdew ix-xogħlijiet f’dak li se jkun il-ħames ċentru tal-volontarjat tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Wara li ġew inawgurati dawk fil-Belt Valletta, fir-Rabat, f’Birkirkara u fix-Xewkija, Għawdex, dan il-ġdid f’Kordin se jkun intiż biex iservi lill-għaqdiet mhux governattivi fin-Nofsinhar ta’ Malta.
B’dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji rreġistrati bħala VOs se jkunu jistgħu jinqdew b’faċilitajiet u riżorsi, waqt li jużaw l-ispazju addattat biex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-ċentru.
Hawn tħabbar li dan l-investiment soċjali ġdid se jingħata l-isem ta’ Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella, b’tifkira taż-żagħżugħ li ħalla mpatt qawwi bid-determinazzjoni tiegħu wkoll li jgħin għaqdiet bħall-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, minkejja r-restrizzjonijiet li kellu kawża tal-kundizzjoni li kellu.
B’hekk il-memorja ta’ Jake se tibqa’ mfakkra fost il-voluntieri kollha li tul is-snin se jkollhom l-opportunità li jaħdmu minn dan iċ-ċentru.
Il-Ministru Farrugia fissret kif dan iċ-ċentru hu turija ta’ kemm il-Gvern lest jinvesti fit-tisħiħ tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna.
“L-għaqdiet volontarji jridu jkomplu jkunu fiċ-ċentru tal-komunitajiet tagħna u hu ta’ pjaċir għalina li naraw ix-xogħol fil-ħames ċentru li se nkunu qegħdin niftħu proprju fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla fejn min hawnhekk, l-għaqdiet volontarji, li m’għandomx il-binja tagħhom, jistgħu jagħmlu użu minn din il-binja li se tkun offruta b’xejn għall-komunitajiet tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qal li dan iċ-ċentru se jkun inizjattiva oħra importanti, għax ser jilħaq għaqdiet li s’issa ma kellhomx faċilitajiet daqstant viċin.
“L-għan tagħna hu li jitlesta lejn l-aħħar ta’ Marzu biex jkun jista’ jilqa’ l-ewwel nies, l-ewwel għaqdiet biex jużawh. Jiġifieri prattikament qed isiru xogħlijiet biex dan il-post jkun ikkonvertit fi spazji differenti u flessibbli li jistgħu jużaw is-settur fil-ħinijet kollha.”