L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għadu kemm ta bidu għal proġett li mistenni jitlesta fl-2022, u li permezz tiegħu ser tingħata dehra kompletament ġdida lill-food court tal-ajruport b’investiment ta’ madwar €2 miljun.
Il-food court il-ġdida ser toffri għażla usa’ ta’ ikel li jolqot aktar gosti permezz tal-introduzzjoni ta’ ristorant u ħames ħwienet tal-ikel żgħar ġodda mmexxijin minn uħud mill-aktar brands lokali mfittxija.
Dawn il-ħwienet ser jintroduċu l-kunċett ta’ street food fl-ajruport u, flimkien mal-franchises popolari Burger King u KFC, ser ikunu mmirati lejn persuni li jkunu jixtiequ jieklu xi ħaġa ta’ malajr qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom. Persuni li jkollhom aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, min-naħa l-oħra, ser ikunu jistgħu jgawdu esperjenza rilassanti fir-ristorant u l-bar ta’ maġenbu fil-livell ta’ fuq.
L-użu ta’ dawl apposta, materjali rikki, u pjanti li ser iħaddru dan l-ispazju ser jgħinu sabiex jinħoloq ambjent kompletament ġdid fil-food court li ser jikkumplementa aħjar l-offerta mtejba tal-ikel.
Il-food court, li ser tkun mifruxa fuq erja akbar, flimkien ma’ mezzanin ġdid ser jippermettu li jkunu akkomodati aktar nies bin-numru ta’ seats totali jlaħħaq 324.
Filwaqt li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett diġà bdew, il-ħwienet tal-Burger King u l-KFC qegħdin jiftħu kuljum bejn it-Tnejn u l-Ħadd minn filgħodu sa tard filgħaxija. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħalissa qiegħed joffri sagħtejn parkeġġ b’xejn lil kull min iżur l-ajruport.