Bdew is-sessjonijiet obbligatorji għall-applikanti kollha li ssottometew id-dokumentazzjoni kollha neċċessarja sabiex ikunu jistgħu jpoġġu għall-eżami tal-liċenzja tal-bennejja.
It-Tlieta 22 ta’ Ottubru kienet l-ewwel laqgħa minn erbgħa. Kull sessjoni ddum sagħtejn u l-applikant ser ikun qed jingħata informazzjoni dwar il-ħiliet u l-għarfien li ser ikun mitlub juri fil-fażi tal-eżami.
Dawn l-erba’ sessjonijiet se jwasslu tagħrif dwar il-kostruzzjoni bil-ħadid u l-konkrit, il-leġislazzjoni relatata mas-settur tal-kostruzzjoni, il-ġeometrija u l-kostruzzjoni tal-bini u s-saħħa, u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Għalkemm dawn l-erba’ sessjonijiet ser ikunu bil-lingwa Maltija, il-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja ħaseb ukoll sabiex l-istess numru ta’ sessjonijiet jingħataw bil-lingwa Ingliża.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja, il-Perit Godwin Agius, qal li din hi l-ewwel darba fil-proċess tal-liċenzja tal-bennejja li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed tieħu ħsieb li torganizza dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ u għaldaqstant din tkompli issostni r-riforma li qed issir fil-liċenzja tal-bennejja.
Huwa żied jgħid li l-Awtorità qed tara li t-tagħlim isir parti mit-tiġdid tal-liċenzjar.
Intant, dan il-proċess finalment ser iwassal sabiex l-applikanti jpoġġu għall-eżami teoretiku u tal-prattika biex finalment ikunu jistgħu jiksbu l-liċenzja.