Mil-jum tal-Ħadd bdew in-negozjati diplomatiċi bejn madwar 200 pajjiż minn madwar id-dinja li jiffukaw fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Dan fis-summit msejjaħ COP26 u li jsegwi dak tal-G20 propju fil-jiem ta’ qabel fejn l-aktar 20 mexxejja dinjin b’saħħithom laħqu kompromess sabiex jilħqu l-carbon neutrality sa nofs is-seklu.
Hawnhekk fost oħrajn pajjiżi differenti se jkunu qed ipoġġu fuq il-mejda l-pjanijiet tagħhom biex inaqqsu l-emmissjonijiet serra. In-negozjaturi fi Glasgow se jimbuttaw ukoll biex iżommu t-temperaturi globali milli jiżdiedu b’wieħed punt 5 gradi celsius għal dan is-seklu meta mqabbel maż-żminijiet ta’ qabel l-industrija.
Fi Glasgow fl-Iskozja matul il-jum tal-Ħadd u t-Tnejn bdew jaslu l-mexxejja dinija fosthom il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li mal-wasla tiegħu tenna li f’din il-ġlieda ninsabu biss minuta ’l bogħod minn nofsillejl tant kemm ħallejna għall-aħħar biex niġġieldu din il-problema.
Huwa tenna li l-mexxejja dinjin issa jridu jimxu ’l quddiem mill-aspirazzjonijiet u jattwaw azzjonijiet konkreti biex inaqqsu u jwaqqfu t-tibdil fil-klima.
Għall-ewwel darba huwa kkonferma wkoll li ma jridx jara li l-proġett ta’ mina tal-faħam kontroversjali f’Cumbria jsir realtà. Dan hekk kif tenna li huwa mhux favur aktar użu tal-faħam.
Din id-dikjarazzjoni jaf tkun ta’ għajnuna fin-negozjati biex aktar nazzjonjiet preżenti fis-summit tal-COP26 jibdew inaqqsu l-użu tal-faħam.
Din tmur ukoll id’f’id ma’ dak li ġie deċiż fis-summit tal-G20 hekk kif kien hemm qbil li jintemm il-finanzjament pubbliku għall-ġenerezzjoni tal-elettriku mill-faħam.
Intant il-Papa Fraġisku fl-istess summit tal-G20 qabel il-COP26 appella biex il-mexxejja dinjin jisimgħu l-appelli ta’ dawk li jinsabu fil-faqar filwaqt li jisimgħu l-karba tal-pjaneta hi hu tħoss l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Fi Glasgow bdew il-protesti b’rabta mal-kriżi fit-tibdil fil-klima hekk kif fost oħrajn hemm strajk ta’ ġimgħa minn mill-ħaddiema li jiġbru l-iskart u dawk li jnaddfu t-toroq.
Intant il-Prim Ministru Malti Robert Abela se jindirizza l-konferenza COP26 għada.
F’artiklu li ppubblika l-bieraħ fuq il-Maltatoday huwa semma kif il-Gvern Malti se jmexxi bl-eżempju u d-dekarbonizzazzjoni se tkun pilastru fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna.
Ritratt: BBC