Min-nhar it-Tnejn, l-aħħar jum ta’ Lulju, jibdew it-taħdidiet bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla. Taħdidiet li fihom il-gvern se jispjega l-prijoritajiet tal-2018.
L-enfasi fuq l-infrastuttura hija ċara: dan il-qasam għandu bżonn jitla’ tarġa oħra biex ilaħħaq mat-tkabir ekonomiku tal-pajjiż. Madanakollu, tenna l-Ministru, mhux għad-detriment tal-oqsma soċjali. Scicluna fisser kif huwa possibli li l-ebda qasam ma jkun traskurat, għaliex il-gvern bena ekonomija soda biżżejjed. Anzi wiegħed li firxa ikbar ta’ persuni se jibbenefikaw mill-baġit għas-sena d-dieħla.
Matul ix-xahar ta’ Settembru se jsiru laqgħat mal-qasam kummerċjali, unions u l-pubbliku inġenerali, biex kulħadd ikollu sehem fit-tqassim tal-pjan finanzjarju tal-pajjiż.
Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Baġit tas-sena d-dieħla ser jiġi fl-ewwel nofs t’Ottubru u dan biex jintbagħat għall-iskrutinju tal-Unjoni Ewropea.