Sentejn ‘il bogħod mill-ftuħ tad-Dubai Expo 2020 Malta ser tibda’ tħejji ruħha sabiex ikollha rappreżentanza qawwija qalb investituri barranin.
Intqal dan f’konferenza fejn ġiet diskussa l-parteċipazzjoni ta’ Malta fid-Dubai Expo tal-elfejn u għoxrin.
Expo nternazzjonali li sentejn oħra ser ikun qed isir f’Dubai għal sitt xhur sħaħ u li mistenni jilqa’ mal-ħamsa u għoxrin mijun viżitatur minn madward id-dinja.
Din l-edizzjoni ser tkun qed tħaddan it-tema Connecting Minds, Creating the Future. Dan kollu bil-għan li tiġi xprunata l-kreattività u l-innovazzjoni bejn il-pajjiżi kollha li ser jieħdu sehem.
Infatti daqt ssir espressjoni ta’ interess internazzjonali sabiex kull min hu interessat ikun jista’ jissottometti l-ideat tiegħu għad-disinn tal-Padiljun Malti.
Padiljun li l-mira tiegħu hija li jiġbed lejh viżitaturi barranin sabiex jiskopru x’għandu x’joffri pajjiżna.
Preżenti għal din il-konferenza il-Ministru għall-Investiment Chris Cardona tenna li l-parteċipazzjoni f’dan l-Expo turi l-ħidma tal-Gvern sabiex jiżdiedu iktar l-opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għal benefiċċju tal-familji Maltin u Għawdxin.
Id-Dubai Expo elfejn u għoxrin ser ikun qed isir bejn l-għoxrin ta’ Ottubru elfejn u għoxrin u l-għaxra ta’ April elfejn wieħed u għoxrin.