Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima laqa’ lill-Ministri responsabbli mill-Isport tal-pajjiżi parteċipanti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għal Konferenza Ministerjali.
Fil-konferenza, li ġiet ippreseduta mill-Ministru Grima, ipparteċipaw il-Ministri responsabbli mill-Isport tal-Andorra, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tal-Lussemburgu, ta’ San Marino, u tal-Montenegro. Ċipru kien rappreżentat minn Andreas Michaelides, li huwa l-President tal-Organizzazzjoni tal-Isport tal-pajjiż. Il-Ministru ta’ Monaco ma kienx preżenti minħabba li l-Gvern t’hemmhekk għadu ma ġiex iffurmat wara l-elezzjoni.
Il-ministri kienu akkumpanjati minn uffiċjali u wkoll mill-Presidenti tal-Kumitati Olimpiċi rispettivi tagħhom.
Il-Konferenza ddiskutiet żewġ dokumenti bit-temi ‘Elite athletes and understanding their challenges in the Small States of Europe’ u ‘Grassroots in sport in the Small States of Europe’.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew, Spyros Capralos, li wkoll kien preżenti għal din il-Konferenza, ippreżenta rikonoxximent lill-Ministru Grima.
Huwa faħħar lil pajjiżna għall-impenn tiegħu u qal li qed jieħu gost jara tant entużjażmu mid-delegazzjonijiet kollha, wara n-nuqqas ta’ dan il-Logħob minħabba l-pandemija.
F’din l-edizzjoni qed jieħdu sehem rekord ta’ 1,000 atleta minn 9 pajjiżi.
Barra minn hekk, pajjiżna qed ifakkar l-20 anniversarju minn meta ospita dan il-Logħob fl-2003 u t-30 anniversarju minn meta ospitah għall-ewwel darba fl-1993.
Intant matul il-ġurnata bdew il-kompetizzjonijiet, fosthom il-logħob tal-basketball, tennis u squash.
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar jibqa’ għaddej sa nhar is-Sibt li ġej, meta ssir ukoll iċ-ċerimonja tal-għeluq.
Ma’ One News il-Ministru Grima saħaq fuq l-importanza tal-investiment li sar fil-qasam sportiv f’pajjiżna.
“Huwa ċar ħafna kemm huwa importanti li niġu anke rikonoxxuti għal dan l-investiment li qed isir fil-faċilitajiet tagħna, l-investiment li qed isir fl-atleti tagħna, u kemm irridu nkomplu naħdmu flimkien bħala network ta’ pajjiżi żgħar fl-Ewropa, sabiex nassiguraw li dejjem ikun hemm aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, għall-atleti tagħna.”