Bdew sensiela ta’ laqgħat pubbliċi organizzati mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bl-għan li ssir diskussjoni, analiżi, u evalwazzjoni mal-pubbliku dwar kif irridu l-kultura tiżviluppa f’pajjiżna fl-ewwel nofs tad-deċenju l-ġdid.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici attenda għall-ewwel laqgħa fejn ġew diskussi l-komunitajiet kulturali. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil dawk li kienu preżenti u saħaq dwar l-importanza u r-rwol tal-komunità fit-tfassil ta’ din il-politika.
“Aħna nħeġġu parteċipiazzjoni attiva għal dawn il-laqgħat u aħna nemmnu li l-komunità hija fiċ-ċentru tal-istrateġija kulturali tagħna u għalhekk huwa essenzjali li nfasslu din il-politika flimkien. Il-politika kulturali ġdida, fost l-oħrajn, għandha tinkoraġġixxi l-promozzjoni ta’ talent lokali u trid tara kif komunitajiet tradizzjonali u dawk emerġenti jkollhom is-saħħa biex iservu ta’ katalisti għal dan l-iżvilupp kulturali”, stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-proċess konsultattiv ser jagħti bidu għal diskussjoni wiesgħa ma’ kull min hu nteressat biex ikollna politika kulturali b’saħħitha u rappreżentattiva bejn l-2020 u l-2025.
Il-laqgħat kollha f’Malta ser isiru fil-Fortress Builders, il-Belt Valletta, u dawk f’Għawdex ser isiru fis-Sala Ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex, ir-Rabat, Għawdex. Il-laqgħat ta’ matul il-ġimgħa jibdew fis-6.00 p.m filwaqt li dawk li jsiru nhar ta’ Sibt jibdew fid-9.30 a.m.