Il-Ħadd wara nofsinhar ingħata bidu għall-ewwel kampjonat wara l-waqfa tas-Sajf bil-heats tat-Tazza Johnnie Walker miftuħa għall-Klassi Gold fuq distanza ta’ 2140m. B’dead heat għar-raba’ post f’waħda mit-tiġrijiet kienu 29 iż-żwiemel li għamluha għas-semi finali.
L-aħjar medja rreġistrata kienet dik ta’ Titan d’Abo, li misjuq minn Noel Baldacchino kien qed jirreġistra l-ewwel rebħa tiegħu f’Malta. Id-debuttant Sonny Bull taħt il-gwida ta’ Mark Bonnici ħareġ rebbieħ fit-tieni heat. Id-debba Navaj Brodda kompliet fejn ħalliet qabel il-waqfa tas-Sajf u ħadet ir-raba’ rebħa konsekuttiva tagħha dejjem misjuqa minn Charles Camilleri.
Redent Magro wassal lil Unit Price għat-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu filwaqt li Rodney Gatt rreġistra żewġ rebħiet oħra biex issa sar il-ġerrej li rebaħ l-akbar ammont ta’ tiġrijiet fi staġun wieħed. Dawn iż-żewġ rebħiet waslu biż-żiemel M.R. Hungry Eyes li kien qed jirreġistra t-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu u Leonas Kaiser li ħa t-tielet rebħa tiegħu tas-sena.
Id-debuttant Oliwer Hip misjuq minn Clint Vassallo ukoll rebaħ waħda mill-heats ta’ dan il-kampjonat.
Il-programm fetaħ b’tiġrija tal-Klassi Copper li fiha ħareġ rebbieħ Duc d’Haufor għar-raba’ darba din is-sena misjuq minn Redent Magro.
F’tiġrija taż-żwiemel shetland misjuqa bit-trott mit-tfal ta’ l-Akkademja tat-tiġrijiet, Cherise Farrugia ħarġet rebbieħa għal darb’oħra bil-ponija Daisy meta kienet qed titlaq b’distakk ta’ 10m.