Fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jibda’ ħidma biex eventwalment iż-żona ta’ Hastings tkun mgħammra b’parking sensors u tiffaċilita t-traġitt tar-residenti u persuni li ta’ kuljum iżuru l-Kapitali.
Dan ħabbru s-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit waqt l-ewwel laqgħa li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis kellu mal-Kunsilli Lokali mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-Gvern Lokali.
Zammit stqarr li “Tinkwetana ħafna il-kwistjoni tal-emmissjonijiet għax għandek ħafna karozzi jduru fil-Belt. Qed nimbarkaw fuq proġett ta’ parking sensors. Qed nagħżlu lil Hastings bħala ż-żona tal-pilot project u kif tintrebaħ it-tender fil-jiem li ġejjin jibda l-proġett”.
Dan ma kienx l-uniku proġett li ssemma fil-laqgħa, li għaliha kien mistieden ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg.
Is-Sindku tal-Belt spjega wkoll li biex jindirizzaw il-problema ta’ parkeġġ fil-Belt, b’mod speċjali għar-residenti, il-Kunsill għaddej b’diskussjonijiet ma’ Transport Malta biex isiru bidliet fil-parkeġġ fiż-żona ta’ Dar il-Mediterran.
Huwa tenna li “Dan għadu biss suġġeriment li l-ħajt ta’ Dar il-Mediterran jitħalla vojt biex il-vetturi speċjalment il-coaches ikunu jistgħu jgħaddu, imma mhux se nnaqsu l-parkeġġ. Li se nneħħu minn hemm se nżiduh fin-naħa tal-Barrakka t’Isfel u man-naħa ta’ Sant’ Iermu fuq il-Fosos.
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis spjega li din kienet biss l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat fit-tul li l-Gvern beda jagħmel, biex kemm jista’ jkun jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-Kunsilli Lokali.
Huwa stqarr li “Bdejna bil-Kapitali u fil-jiem li ġejjin se nkunu wkoll Għawdex. L-iskop hu li niltaqgħu mal-Kunsilli kollha u naraw fejn jixtiequ li mmorru u x’għandhom bżonn. Riforma li trid tibqa’ ħajja u għaddejja u se nżidu magħha biex verament ikollna Gvern Lokali fil-komunitajiet tagħna”.
Il-Minsitru Ian Borg żied jgħid li b’dawn il-laqgħat il-Gvern qed iżomm mal-wegħda elettorali tiegħu ta’ lokalitajiet aħjar madwar il-pajjiż.
Hu sostna li “Biss biss il-Gvern qed jidħol għal responsabbiltà ta’ mitt miljun ewro fis-sena għat-toroq. Irridu nfakkru lill-Kunsilli Lokali jitkellmu magħna u rridu niżguraw li nilħqu lil kull Kunsill u kull lokalità għaliex dawn jirrappreżentaw ir-residenti u n-negozji tagħna”.