Eluf inġabru barra l-Palazz ta’ Buckingham f’Londra sabiex jiċċelebraw is-sebgħin sena minn mindu r-Reġina Eliżabetta t-Tieni wirtet it-tron tar-Renju Unit.
Mill-jum il-Ħamis bdew erbat ijiem ta’ festi kbar sabiex jiġi ċċelebrat il-Ġublew tal-Platinu tar-Reġina.
Ir-Reġina Eliżabetta ħarġet ixxejjer lill-miġemgħa mill-gallarija tal-Palazz, flmikien mal-bqija tal-familja Rjali, fosthom il-Prinċep Karlu u l-Prinċep William.
F’messaġġ li ħarġet, ir-Reġina Eliżabetta rringrazzjat lil dawk kollha li nġabru fir-Renju Unit u anki fil-pajjiżi tal-Commonwealth biex jiċċelebraw dan l-anniversarju importanti għaliha. Qalet li dawn il-jiem ta’ ċelebrazzjonijiet se jipprovdu opportunità ta’ riflessjoni fuq dak kollu li ġara matul dawn l-aħħar sebgħin sena.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bdew b’parata minn 1,500 gwardja tar-reġina fiċ-ċentru ta’ Londra, u ġie sparat salut.
Diversi mexxejja minn madwar id-dinja, fosthom il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Papa Franġisku, u bosta eks Prim Ministri Brittaniċi awguraw lir-Reġina għal dan l-anniversarju tagħha.