Tnediet il-kampanja annwali ta’ 16-il jum biex tul dawn il-jiem f’pajjiżna titqajjem aktar kuxjenza dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Bl-isem ta’ ‘Beat The Silence’ jew ‘Għeleb is-Silenzju’, f’dawn il-jiem se jkompli jitwassal messaġġ biex il-vittmi tal-vjolenza domestika ma jibqgħux konfinati bejn il-ħitan ta’ djarhom isofru, waqt li jkompli jingħata għarfien marbut mas-suġġett.
Din il-kampanja tnediet minn mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, u l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università l-Qadima, fil-Belt Valletta.
Dr Abela saħqet dwar l-edukazzjoni b’rabta mal-vjolenza domestika u l-għajnuna lill-vittmi.
Stqarr, “Kemm hu importanti li ngħelbu s-silenzju, li niġġieldu s-silenzju. Kemm hu importanti li nagħmlu l-kuraġġ lil ħaddieħor biex, f’każ li hu vittma ta’ vjolenza domestika, jersaq ’il quddiem u jitkellem biex din il-problema soċjali ma nħalluwhiex taħt it-tapit, anzi nindirizzawha b’mod konkret, kif qed jagħmel il-Gvern bħalissa b’numru ta’ miżuri, fosthom dik il-liġi li tagħti fakultà lil persuna li tkun taf jekk is-sieħeb jew sieħba tagħha kinitx involuta fi vjolenza domestika.”
Hawnhekk issemma kif il-ħidma tal-Gvern, fil-ġlieda tiegħu kontra l-vjolenza domestika bit-tisħiħ tar-riżorsi, qed iwassal biex aktar nies ma jibqgħux fis-skiet, iżda jirrapportaw.
Fil-fatt is-sena l-oħra, mal-awtoritajiet kien hemm mal-513-il rapport, filwaqt li sa nofs din is-sena biss kien hemm 800 rapport.
Rebecca Buttigieg semmiet kif il-Gvern, anke fuq rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valencia u li ssoktat wara l-qtil ta’ Bernice Cassar, saħħaħ aktar il-ġlieda tiegħu kontra l-vjolenza domestika.
Ħabbret ukoll kif, fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iniedi strateġija u pjan ta’ azzjoni mifrux fuq ħames snin b’rabta mal-vjolenza domestika.
Qalet, “Il-Gvern matul dawn l-aħħar xhur intensifika l-ħidma tiegħu, għax wettaq aktar minn 70% tar-Rapport Valencia, fejn rajna t-tisħiħ tal-istrutturi u ħidma konġunta bejn il-ministeri differenti li, spalla ma’ spalla, qed ikunu front wieħed biex niġġieldu din il-pjaga.”
Ta’ min ifakkar ukoll kif, b’rabta ma’ dan is-suġġett, Gvern Laburista ressaq il-liġi tal-femiċidju, ġie appuntat maġistrat ieħor biex il-Prim Imħallef ikun jista’ jassenjah ħalli jisma’ każi b’rabta mal-vjolenza domestika, filwaqt li l-assistenza mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali qed tiġi offruta 24 siegħa kuljum.
Sadanittant, anke kif tħabbar fil-jiem li għaddew, permezz tal-Baġit 2024, se tiġi introdotta miżura li se tara apparat elettroniku ġdid, forma ta’ panic button, biex vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jaqbdu mill-ewwel man-numru 112 f’każi ta’ emerġenza.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika tkellmet dwar l-attivitajiet varji li se jittellgħu fil-jiem li ġejjin b’rabta mal-kampanja ‘Beat The Silence’.
Stqarret, “Diversi attivitajiet, għandna kampanja mal-isportivi biex nilħqu s-segwaċi tal-isport, għandna diskussjonijiet inklussivi, imma apparti minn hekk se nniedu posters li se jitqassmu f’postijiet pubbliċi.”
Pace Gasan qalet ukoll kif din il-kampanja hi mmirata mhux biss għal vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, iżda trid tilħaq ukoll individwi oħrajn bħal qraba, ħbieb u kollegi biex huma wkoll jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu fejn għandhom jitkellmu, biex iwaqqfu l-vjolenza u b’hekk ikunu ta’ għajnuna u ta’ sostenn għall-vittmi.