Beda xogħol ta’ tindif u manutenzjoni fuq il-Funtana tat-Tritoni fid-daħla għall-Belt Valletta, fejn se jkollhom jinbidlu wkoll tnejn mill-pompi, li ilhom jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum għall-aħħar seba’ snin mindu sar ir-rinnovar qawwi fuq dan il-monument ikoniku.
Il-manutenzjoni tal-funtana ssir dejjem kull sitt xhur – fl-aħħar tar-rebbiegħa u fil-ħarifa – f’perjodi ddettati mill-klima.
Waqt li kien se jsir it-tindif neċessarju din id-darba nstab li kien hemm bżonn jinbidlu tnejn mill-pompi tal-ilma biex tiżdied l-effiċjenza fil-filtrazzjoni tal-ilma. Dan anke biex il-kwalità tal-ilma tibqa’ ċara kristall kif inhu intenzjonat u xieraq għal monument nazzjonali skedat fi Grad numru 1.
Fi żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għat-Tindif Pubbliku, Omar Farrugia, spjega l-obbligu tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li kull sitt xhur issir manutenzjoni fuq din l-ikona nazzjonali.
Qal, “Il-Funtana tat-Tritoni, fid-daħla tal-Belt kapitali, hi għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin kollha u huwa fl-obbligu tagħna bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li, kull sitt xhur, issir il-manutenzjoni kollha meħtieġa biex din l-attrazzjoni turistika nkomplu ngawduha għaż-żmien li ġej.”
Sadanittant, il-kuratur tal-funtana Kenneth Cauchi ħabbar li, fost ix-xogħol vast li qed isir, se jitnaddfu minn depożiti li akkumulaw maż-żmien fil-bronż tat-Tritoni, fl-iskultura fit-travertin, il-131 lampa li jdawlu l-monument u t-32 nozzle ta’ mad-dawra tal-funtana.
Ma’ dan se jiġu ordnati sett nozzles ġodda tal-istainless steel għall-plattin u wara ssir kalibrazzjoni tagħhom biex il-forma tal-koppla ta’ l-ilma terġa’ ssaltan fuq Pjazza Tritoni.
Dwar dan il-proċess, tkellem il-kuratur tal-istess funtana, Kenneth Cauchi.
Qal, “Il-manutenzjoni ta’ din il-Funtana tat-Tritoni hi importanti biex tinżamm fl-aqwa kundizzjoni possibbli, speċjalment meta joqrob is-sajf, meta t-temperaturi jibdew jogħlew u għaldaqstant, alga u ħaxix ieħor jibda jiżdied fil-qiegħ tagħha. Din hi xi ħaġa li llum drajniha u dejjem tkun fil-kalendarju annwali tagħna.”