Aktar kmieni llum, beda x-xogħol preparatorju mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir biex sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, jibda x-xogħol infrastrutturali fuq l-ewwel fażi tal-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Tritoni, li tħabbar riċentament mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Għall-bidu, il-vetturi mhumiex se jkunu affetwati b’dan ix-xogħol, però se jsiru arranġamenti apposta fuq is-sit għal min ikun għaddej bil-mixi, dan biex jiġi żgurat li l-aċċess jibqa’ miftuħ bla tfixkil iżda mingħjr ebda periklu għall-pubbliku sakemm isiru x-xogħlijiet.
Dan ix-xogħol għandu jwassal biex lejn l-aħħar ta’ Ottubru, numru ta’ siġar fiż-żona jiġu temporanjament rilokati sabiex is-sena d-dieħla jitħawlu fil-Foss tal-Belt Valletta.
L-ewwel fażi tal-proġett għandha twassal biex tinbena roundabout ġdida quddiem id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, fi Triq l-Assedju l-Kbir, u wara li jitqiegħdu għadd ta’ servizzi ġodda, fosthom servizzi ta’ ilma u drenaġġ u tele-komunikazzjoni, tiġi rranġata l-bankina ta’ madwar 700 metru kwadru quddiem il-lukanda Phoenicia.