Dan il-proġett jinkludi fih diversi fażijiet fejn l-ewwel fażi tkopri medda ta’ 3,600 metru kwadru, u l-valur ta’ din il-fażi hu ta’ madwar €3 miljun.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li wara li ġie approvat il-masterplan ta’ Marsalforn, il-Ministeru għal Għawdex beda jimplimenta dan il-proġett ambizzjuż. Il-Ministru Caruana spjegat li l-masteplan għal din iż-żona turistika ġie maqsum f’fażijiet biex jiġi implimentat mingħajr ma jtellef lill-komunità kummerċjali ta’ din iż-żona. Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-proġett mhux ser ikun wieħed kożmetiku biss, iżda riġenerazzjoni totali taż-żona fejn ser jiġu mibdula s-servizzi kollha ma’ oħrajn ġodda.
Il-Ministru Justyne Caruana fakkret kif element importanti tal-masterplan ta’ Marsalforn ser jinkludi l-bini mill-ġdid tal-breakwater, li hi wegħda li dan il-Gvern hu kommess li jimplimenta. Hija qalet li, kif ħabret diversi xhur ilu, qed isiru l-preparamenti biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif l-istudji kollha meħtieġa issa waslu fi stadju konklussiv.
Il-Ministru għal Għawdex ħabbret ukoll li ġiet sottomessa applikazzjoni mall-Awtorità tal-Ippjanar biex il-parkeġġ eżistenti f’Marsalforn jiġi organizzat biex ikun jista jissodisfa d-domanda għall-parkeġġ.
Il-Perit Frank Muscat, li hu inkarigat mill-proġett, spjega fid-dettal il-proċess rigoruż li jrid isir biex ix-xogħol f’din iż-żona qrib il-baħar u esposta għall-elementi jsir bir-reqqa. Il-Perit Muscat saħaq li l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ser tinvolvi li tissaħħaħ il-bażi fejn, wara li jiġu mgħoddija servizzi ġodda, ser isir pavimentar kemm bil-lava kif ukoll bil-porfido. Il-Perit Muscat qal li, apparti il-pavimentar, ser jiġu installati servizzi ġodda għas-sajjieda, kif ukoll ser jiġu installati għamara ġodda, biex titgawda mill-pubbliku li jiffrekwenta dan is-sit, speċjalment fix-xhur tas-Sajf.
Ritratti: MGOZ