- Pass li jista’ jsalva l-ħajjiet
Il-ħajja għar-residenti Qriema fiż-żona magħrufa bħala Tal-Blat 2 żgur se tmur għall-aħjar fix-xhur li ġejjin. Dan hekk kif beda x-xogħol tant mistenni fuq pont li se jgħaddi minn fuq il-bypass tal-Imrieħel.
Dan kien imwiegħed mill-Prim Ministru qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u l-kuntratt ikun iffirmat f’Ottubru li għadda. Fl-aħħar jiem, ħaddiema ta’ Transport Malta bdew ilestu l-pedamenti, filwaqt li beda jinbena l-istess pont, li se jkun tal-ħadid miżbugħ abjad. Il-pont ilu għal snin twal mitlub minn dawn ir-residenti, bl-eks Ministru Austin Gatt kien qal li dan ma kienx vijabbli għax se jintuża minn ftit nies.
Il-komunità li tgħix f’Tal-Blat 2 tikkonsisti minn madwar 50 familja, li sa issa għandhom tliet metodi biex jaqsmu lejn iċ-ċentru ta’ Ħal Qormi. Jużaw il-vettura privata tagħhom, jaqsmu l-bypass bil-mixi u jissugraw ħajjithom inkella jieħdu triq itwal biex jiġu taħt il-flyover li hemm iktar ’l isfel. L-uniċi miżuri li kienu ttieħdu b’rabta mat-triq arterjali kienu l-installazzjoni ta’ speed camera, li saret wara li fl-2005 kienu ttajru żewġ tfajliet Qriema fl-istess triq, u barriers tal-ħadid biex iwaqqfu lin-nies milli jaqsmu.
Madanakollu, il-ħajja tar-residenti xorta ma marritx għall-aħjar, bl-unika soluzzjoni tkun pont. Apparti minn hekk, f’din iż-żona m’hemmx ħwienet u allura il-qasma lejn Ħal Qormi bilfors trid issir.
Qasma li għal dawk kollha li ma jsuqux se tkun ferm iktar faċli u b’inqas skariġġ.