Daħal f’fażi kruċjali l-proġett tal-Junction tal-Marsa hekk kif fl-aħħar sigħat bdew jitpoġġew f’posthom 14-il travu li se jiffurmaw il-qafas tal-karreġġjati lejn Santa Luċija.
Il-Perit tal-proġett Raphael Abdilla spjega li tul dan in-nofstanhar, b’kollox se jittelgħu 14-il travu tal-konkos, b’tul ta’ madwar 30 metru u li jiżnu madwar 38 tunnellata.
Huwa spjega: “Ix-xogħlijiet issa se jkomplu jimxu fuq servizzi u xogħlijiet mal-art. Fiż-żmien li ġejjin ħa naraw anke traffic managment ġdid implementat biex ngħaqdu xogħlijiet infrasstruturali fi vjal Saint Paul Boffa u Triq ta’ maġenb is-shipbuilding.”
Fl-aħħar tas-sena kienet infeħet it-tielet flyover ta’ dan il-proġett, u b’hekk kienu eliminati għal kollox it-traffic lights biswit iċ-ċimiterju tal-addolorata.
Fil-jiem li ġejjin, is-sewwieqa se jaraw tibdil żgħir fir-rotta biex tkun tista’ titlesta din il-fażi tal-proġett.
Is-Sur Abdilla fisser: “Mhux se nkunu qegħdin niftħu struttura struttura kif konna qed niftħu issa. Ħa nkunu qegħdin niftħu kollox f’daqqa, jiġifieri meta nkunu qegħdin niftħu dak tal-livell intermedju ħa neqilbu traffiku fuqhom imbagħad b’mod finalli nifħu kollox fl-aħħar. Ħa naraw iktar xogħol ta’ servizzi jiġifieri iktar xogħol fuq it-triq eżistenti u ħa nkunu qegħdin nibnu toroq u nbaxxuhom biex ikunu jistgħu jgħaddu l-karozzi biex jgħaddu minn taħt il-flyovers u b’hekk inlestu dan il-proġett.”