Beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar biex it-toroq isiru iżjed aċċessibbli għal dawk li jkunu qegħdin jimxu jew inkella jagħmlu użu minn rota.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Proġetti u l-Implimentazzjoni, il-Perit Raphael Abdilla spjega kif l-għan ta’ dan il-proġett huwa li f’din it-triq, li sa issa mhux aċċessibli bla vettura, issir waħda li toffri konnessjoni pedonali bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.
Il-Perit Abdilla tenna, “Infrastructure Malta għandha pjan li tagħmel it-toroq u ttejjeb is-sistema tat-toroq. Ħafna mit-toroq saru billi nbnew mill-pedamenti b’servizzi ġodda u din hija każ ta’ dawn it-toroq. Din it-triq ser tkun qed tiġi allenjata b’mod ġdid b’tali mod li ż-żewġ korsiji ser jibqgħu eżistenti, ser jidjiequ ftit anke biex iżidu s-sigurtà tat-triq u anke ser inkunu qed niddedikaw spazju segregat għar-roti u bankina għall-mixi.”
Il-proġett ser jinkludi fih tisħiħ tas-sistemi għad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin taħt iż-żewġ toroq.
Il-Perit Albert Spiteri, li huwa inkarigat mill-proġett spjega kif ser isiru wkoll spralli ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u ser jitpoġġew sistemi biex idawlu l-karreġġjata tal-karozzi, il-bankini u l-korsiji tar-roti.
Spiteri qal, “Iva ħa nkunu qegħdin insaħħu s-servizzi u qegħdin nimplimentaw xi servizzi ġodda wkoll. Rajna li kien hemm ċertu partijiet mill-ħitan li kienu mwaqqgħin jew li kienu sofrew xi ħsarat matul iż-żmien u ħa nkunu qegħdin nibdluhom u ħa nkunu qegħdin naħdmu billi nagħlqu l-karreġjata li nieżla lejn in-naħa ta’ Nofsinhar biex hekk inkunu nistgħu ngħafsu fuq ix-xogħol fuq naħa minnhom.”
Is-siġar kbar li hemm fuq ġenb ta’ Triq Wied il-Għajn se jiinżammu fejn huma u jiġu inkorporati f’konok ġodda bil-ħamrija msebbħa b’aktar siġar u pjanti.
Il-korsija tal-mixi u r-roti f’żewġ direzzjonijiet miksija bl-asfalt ser tkun twila aktar minn kilometru tul iż-żewġ toroq.
Dan il-proġett mistenni jkun lest fi żmien sena.