Fit-3 snin li ġejjin medda kbira ta’ art fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċimiteju tal-Addolorata fiż-żona magħrufa bħala tal-Ħorr se tilqa’ fiha 2, 880 qabar ġdid.
Ix-xogħol fuq il-proġett tal-estensjoni taċ-ċimiterju qiegħed isir minn konsorzju privat b’nefqa ta’ €17,400,000.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-konsorzju privat intgħażel wara sejħa pubblika.
Qal li l-konsorzju seta’ jibda x-xogħol wara l-ħruġ tal-permessi mill-Awtorità tal-Ippjnar u l-iffirmat tal-kuntratt f’Ottubru li għadda.
Qal li l-kuntrattur ingħata konċessjoni ta’15-il sena li minnha l-Gvern se jdaħħal aktar minn €2,250,000.
Dr Fearne qal li l-estensjoni se żżomm mal-istil tal-bqija taċ-ċimiterju li nbeda fuq il-pjant tal-Perit Emanuel Luigi Galiza. Żied li l-privat se jkun responsabbli wkoll mir-restawr tal-kappella u l-ambjent kollu taċ-ċimiterju li ħafna drabi kien fl-aħbarijiet minħabba bosta nuqqasijiet fiż-żamma tiegħu. Ix-xogħol ta’ restawr se jsir fuq medda ta’ 6 snin.
Huwa żied jgħid li l-Gvern diġà ffirma aktar minn 1,500 konvenju mas-sidien prospettivi tal-oqbra l-ġodda.
“Il-post se jingħata facelift tajba ħafna u ħa jsir il-manutenzjoni u r-running b’mod professjonali ta’ dan il-post. Imma iktar minn hekk ħa ssir l-estenzjoni, jiġifieri se jkollna 2,880 qabar ġdid li tfisser li d-domanda kollha li għandna minn persuni u familji privati biex ikollhom il-qabar tagħhom se tkun sodisfatta.”
Il-Ministru Fearne qal li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jippubblika avviż legali biex jiġu rregolarizzati l-prezzijiet tas-servizzi fiċ-ċimiterju inkluż il-ħlas għad-deffiena u l-kummissjonanti fiċ-ċimiterju kollha ta’ Malta.
Chris Fearne, id-Deputat prim Ministru qal: “Se tkun ċara mhux se jkun hemm ebda lok li jintalbu miżati oħra li jintalab oltre dak li se jiġi ppubblikat fil-legal notice”.
Mistoqsi dwar allegazzjoni li mara li mietet f’inċident tat-traffiku ndifnet b’borża tal-plastik, il-Ministru spjega li d-dfin ta’ persuni li jmutu barra l-isptarijiet mhix fir-responsabbiltà tal-gvern iżda tal-kummissjonant. Assigura li l-Gvern jadotta process rigoruż fid-dfin ta’ persuni li jmutu fl-isptarijiet pubbliċi.