B’investiment ta’ miljun u tliet mitt elf ewro, f’Pembroke beda x-xogħol sabiex jinbena ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis.
Din il-faċilità qed issir bħala parti mill-ħidma tal-Gvern sabiex jilqa’ l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar sentejn oħra.
Din il-faċilità se tinkludi sitt tennis courts, bil-court prinċipali se jkollu wkoll post għall-ispettaturi, parkeġġ għall-karozzi u kmamar fejn ibiddlu l-atleti.
Se tinbena wkoll tennis house, li se jkollha uffiċini u gym, fost oħrajn.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-isport Clifton Grima qal li biex pajjiżna jkompli jikseb suċċessi fl-isport, għandu jkun hemm investiment tal-ogħla livell.
Qal, “Xogħol illi se jkun qiegħed finalment jiġi trasformat minn dik li kienet ħolma għal ħafna għal xi ħaġa li hija realtà, realtà sabiħa li se tkun tista’ titgawda mill-isportivi Maltin u Għawdxin kollha.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal kif b’din il-faċilità sportiva, l-atleti se jitħarrġu b’mod aħjar u jitkabbar it-turiżmu sportiv permezz ta’ avvenimenti internazzjonali.
Il-President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis David Farrugia Sacco qal kif permezz ta’ dan il-proġett se tingħata opportunità lill-atleti tat-tennis u qal kif il-ħolma tagħhom qed issir realtà.
Spjega, “Din hija ħolma illi fl-aħħar saret realtà, illi ilna naħdmu ħafna snin. Il-Federazzjoni Maltija tat-Tennis hija federazzjoni stabilità.”
Il-President Farrugia Sacco qal kif pajjiżna għandu storja pożittiva f’din id-dixxiplina.