Breakwater li ilu jiġi mwiegħed lil poplu Xlukkajr għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena issa qed jitwettaq minn dan il-Gvern. Dan hekk kif beda x-xogħol fuq breakwater ta’ madwar 110 metri li se jkun qed jipproteġi lil qxur tal-baħar tas-sajjieda fix-xhur Xitwin. Dan filwaqt li ser jagħmilha iżjed faċli għar-ristoranti u l-ħwienet max-xatt sabiex ikomplu joperaw anke meta jkun il-maltemp. Madwar il-breakwater li qed jinbena f’fond ta’ madwar 3.5 metri se jitpoġġa ħafna ġebel kbir sabiex jnaqqas il-qawwa tal-mewġ fil-maltemp.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian borg saħaq li din hija prova oħra ta’ kemm dan il-gvern mhux biss iwiegħed iżda jwettaq. Saħaq li dan il-gvern mhux biss qed itejjeb l-infrastruttura tat-toroq tagħna iżda wkoll qed jinvesti fl-infrastruttura marittima.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia stqarr li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ 4 miljun ewro minn Fondi Ewropej mill-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew. Stqarr li barra dan il-proġett għaddej xogħol ta’ slipways ġodda f’Marsaxlokk u fix-Xlendi. Dan filwaqt li fix-Xlendi se tkun qed tinbena wkoll faċilità ta’ landing zone fejn is-sajjieda jistgħu iħottu l-ħut. Fil-port tal-Imġarr Għawdex fejn hemm ukoll għaddej xogħol ta’ dredging u pontoons ġodda permezz ta’ fondi ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Clint Camilleri saħaq li dan il-proġett huwa importanti ħafna sabiex jiġu mħarsa l-impjiegi u x-xogħol tas-sajjieda f’Marsaxlokk. Proġett li huwa kkumplimentat minn oħrajn li jkomplu jħaffu x-xogħol u jipproteġu lis-sajjieda.
Il-breakwater mistenni jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla.