Bdiet titwettaq waħda mill-ikbar wegħdi elettorali tal-Gvern hekk kif beda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ 120 triq residenzjali bħala parti mill-investiment ta’ €100 miljun fis-sena għal seba’ snin fl-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna.
Waqt li kien qed iżur il-lant tax-xogħol fi Triq l-Għarnuq fil-Fgura, il-Ministru Ian Borg qal li x-xogħlijiet fuq l-ewwel 120 triq se jissarrfu f’25 kilometru ta’ toroq residenzjali ġodda b’investiment ta’ ‘l fuq minn €53 miljun.
“Qed nagħtu infrastruttura li tixraq lil poplu tagħna u nħares ‘il quddiem biex dawn ix-xogħolijiet issa li ttelqu jkunu qedgħin jiġu Implimentati fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas inkonvenjent possibbli”.
Ħabbar li iżjed tard din is-sena se toħroġ sejħa oħra għal xogħlijiet f’toroq oħra sabiex jintlaħaq l-impenn ta’ mitt miljun kull sena.
“Infrastructure Malta se tkun qed toħroġ sejħa oħra fil-ġimgħat li ġejjin, lista ta’ toroq oħra li għaliha nistiednu iktar kuntratturi sabiex jidħlu għal dawn ix-xogħlijiet u allura nilħqu l-mira ta’ mitt miljun fis-sena”.
Il-Ministru Borg qal li x-xogħol mhux se jieqaf mal-asfaltar iżda se jsiru wkoll pedamenti ġodda, servizzi li jgħaddu taħt it-triq kif ukoll bankini siguri.
Dr Borg spjega wkoll kif se tingħata prijorita lil madwar 160 triq li qatt ma kellhom wiċċ ta’ asfalt, bħal Triq l-Għarnuq, u li permezz ta’ dan l-impenn se jkun qed jittaffa l-piż tat-toroq minn fuq il-Kunsilli Lokali.
“Dawk jibqgħu prijorità u jridu jsiru fl-ewwel tliet snin. Għandek imbgħad numru ta’ toroq oħrajn li huma bżonnjużi u li jinsabu f’sitwazzjoni ħażina u għalhekk mitt miljun fis-sena għal seba’ snin sabiex nagħmlu xogħolijiet li l-kunsilli lokali qatt ma kienu f’pożizzjoni li se jagħmulhom”.
Il-Ministru sostna wkoll kif ċertu toroq li qegħdin isiru jirrekjedu ppjanar dettaljat għax iwasslu għal toroq arterjali jew importanti fil-pajjiż:
“Toroq bħal din li ma jfixklux it-traffic management tal-lokalità, għandek oħrajn li jikkumplikaw ftit l-affarijiet u allura rridu anke l-koperazzjoni tan-nies bil-mod ta’ kif jiċċaqalqu minn post għall-ieħor matul ix-xogħolijiet”.
Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fejn irrimarka li dan kien pass ieħor fil-ħidma tal-gvern għall-benefiċċju tal-kunsilli Lokali. Sostna li dan il-proġett qed jagħti sinjali lir-residenti li l-karba tagħhom għal toroq ta’ kwalita ogħla qiegħda tinstema’:
“B’dan il-messaġġ se nkomplu naħdmu biex mill-kunsilli lokali nagħmlu l-gvern lokali: x-xewqa tar-resident issa qedgħin narawha fl-ammont ta’ toroq li se nkunu qedgħin nagħmlu”.