Matul is-sitt ġimgħat li ġejjin, madwar 400 miljun persuna devoti tal-reliġjon Hindu mistennija jiċċelebraw il-festival tas-’Sacred Pitcher’ ‘Maha Kumbh Mela’, matul ix-xmara fil-belt ta’ Prayagraj fl-istat Indjan ta’ Uttar Pradesh.
Darba kull tnax-il sena dan il-festival reliġjuż iġorr il-prefiss ‘Maha’ li tfisser kobor għax ikun l-akbar manifestazzjoni tal-Kumb Mela li ssir kull erba’ snin f’waħda minn erbat ibliet.
F’Prayagraj, id-devoti jinżlu fl-ilma ta’ Triveni Sangam, il-post fejn jingħaqdu t-tliet xmajjar sagri – il-Ganga, Yamuna u l-mitika Saraswati, f’ritwal sabiex jitnaddfu mid-dnub u jagħmlu pass ieħor lejn il-liberazzjoni spiritwali.
Il-Kumbh huwa ispirat mill-mitoloġija Hindu u l-leġġenda tad-dimonji u l-allat jiġġieldu għall-buqar li kien fih l-elixir tal-immortalità. Matul il-ġlieda erba’ qatriet mill-buqar waqgħu fuq id-dinja fuq il-bliet ta’ Prayagraj, Nashik, Haridwar u Ujjain li jolternaw sabiex jospitaw dan il-festival.
Il-manifestazzjoni hija l-aktar magħrufa li tatratta ħafna sadhus minn madwar il-pajjiż, irġiel qaddisa Hindu li rrinunzjaw għall-ġid tad-dinja u huma famużi għad-dehra ta’ xaharhom, ġisimhom miksi bl-irmied u t-tgeżwira kkulurita bħala ħwejjeġ. It-Tlieta filgħodu għexieren ta’ sadhus mingħajr ħwejjeġ niżlu fl-ilma bħala mument kruċjali li bih jiftaħ dan il-festival.
Fl-2017 dan il-festival kien rikonoxxut mill-UNESCO bħala wirt kulturali intanġibbli tal-umanità.
L-awtoritajiet qed jippromwovi dan l-avveniment mhux biss bħala wieħed reliġjuż iżda spettaklu kulturali li fil-passat attira stilel taċ-ċinema minn Bollywood u Hollywood.
Il-festival ta’ din is-sena ilu jiġi ppjanat is-snin u ntefqu miljuni ta’ dollari sabiex inbnew faċilitajiet adekwati għall-miljuni ta’ viżitaturi hekk kif il-belt ta’ Prayagraj għandha popolazzjoni ta’ sitt miljun persuna. Filfatt ittellgħu madwar 160,000 kamp, tpoġġew 150,000 toilet u ġie installat pipeline tal-ilma għax-xorb b’tul ta’ 1,249 kilometru, f’belt temporanja f’sit li kapaċi jakkomoda 7,500 pitch tal-futbol.
Fl-2013, għexieren ta’ persuni kienu sfaw mejta u midruba waqt iffullar fl-istazzjoni tal-ferrovija hekk kif il-pellegrini bdew jaslu fil-belt.
Inċidenti bħal dawn waqt manifestazzjonijiet reliġjużi fl-Indja huma komuni minħabba nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà, għalhekk uffiċjali qed jgħidu li din is-sena l-belt ta’ Prayagraj hija kommessa li tipproteġi l-viżitaturi u aktar minn elf uffiċjal tal-pulizija se jkunu qed jissorveljaw l-belt filwaqt li aktar minn 2,700 kamera li taħdem bl-intelliġenza artifiċjali se jkunu f’postijiet strateġiċi madwar il-belt u segwieti minn mijiet ta’ esperti. Dan apparti drones fl-ajru u għall-ewwel darba anke taħt l-ilma li kapaċi jinżlu sa’ mitt metru sabiex is-sorveljanza tkun il-ħin kollu.
Il-gvern tal-istat ta’ Uttar Pradesh ħa ħsieb ukoll li jinvesti fl-infrastruttra sabiex titjieb il-konnettività u anke tejjeb u żied it-trasport pubbliku u s-servizz tal-ferrovija.
Il-festival jintemm fis-26 ta’ Frar.