L-Aġenzija LESA se ssaħħaħ l-infurzar fil-komunitá b’sittax-il reklut ġdid, għaxra rġiel u sitt nisa li f’dawn l-aħħar disa’ ġimgħat ingħata taħriġ speċjalizzat dwar il-qasam tal-inforzar fit-toroq Maltin.
Waqt żjara lir-rekluti mill-Ministru Michael Farrugia, flimkien mal-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Ray Zammit, spjega kif dan it-taħriġ, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, qed isir minn persuni intiżi sew fil-qasam tal-infurzar, fosthom esperti tal-qorti b’lezzjonijiet speċjalizzati.
“Ġbarna fih lezzjonijiet minn infurzar kif għandu jsir fit-triq ovvjament ikun hemm kif wieħed għandu jwaqqaf il-karozzi. Hemm ukoll infurzar għal dawk li jmorru fuq kollużjonijiet ta’ vetturi u kif imorru mal-pubbliku u kif ukoll diversi liġijiet marbutin kemm mat-traffiku kif ukoll mal-ambjent,” qal Ray Zammit.
It-taħriġ huwa teoretiku u prattiku u jinkludi sessjonijiet ta’ kif jiddefendu lilhom infushom, immaniġġjar tat-traffiku, u taħriġ fuq użu ta’ apparat modern.
F’dawn l-aħħar sentejn, l-uffiċjali tal-komunità ħarġu elef ta’ twissijiet flok ċitazzjonijiet lil sewwieqa li wettqu offiżi tat-traffiku bl-aktar waħda komuni tkun in-nuqqas ta’ twaħħil ta’ liċenzja mal-windscreen.
“Kien hemm sitt offiżi, waħda minnhom it-twaħħil tal-liċenzja fuq il-karozza u dik kienet waħda mill-iktar biex ngħid hekk diffikultuża. Infatti kien hemm ‘il fuq minn 7,000 ċitazzjoni fuqha,” qal Zammit.
Intant il-Ministru Michael Farrugia, spjega kif dawn huma l-ewwel rekluti li qed jirċievu taħriġ fil-binja tal-Forzi Iddixxipplinati.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-uffiċjali tal-komunità jservu rwol intrinsiku fis-soċjetà tagħna, u dan it-taħriġ huwa ta’ benefiċċju kemm għalihom u kemm għall-pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li dawn il-bidliet għandhom l-għan li jwasslu għal aktar serjetà fl-inforzar. Fakkar li l-inforzar m’għadux limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ ukoll f’oqsma oħra bħal dawk ambjentlali u edukattivi.