Hekk kif it-twaqqigħ tal-Marsa Power Station qed jidħol f’fażi ġdida, il-kuntratturi ta’ Enemalta plc bdew iżarmaw l-itwal struttura tagħha, iċ-ċumnija ta’ Boiler Numru 7.
Din iċ-ċumnija, li nbniet fl-1984, tilħaq 69 metru ‘l fuq mill-art. L-istruttura hija magħmula minn ħames partijiet imwaħħlin fuq xulxin. Minn ġewwa, iċ-ċumnija tinkludi pajp tal-ħadid wiesa 3.4 metri li minnu kien joħroġ id-duħħan jaħraq. Il-pajp huwa mdawwar b’kisja ta’ insulazzjoni mgħottija bi pjanċi tal-aluminju, biex b’kollox iċ-ċumnija għandha diametru ta’ 4.2 metri minn fuq s’isfel.
L-istruttura tifforma parti mis-seba’ impjant tal-Marsa Power Station, li jinkludi boiler tal-fwar Foster Wheeler ta’ 300 tunnellata fis-siegħa, magħruf bħala Boiler Numru 7, u turbina Ansaldo ta’ 30 megawatt ta’ enerġija. Din it-turbina kienet inġabet Malta minn impjant f’Palermo fl-1984. It-turbina, il-boiler u ċ-ċumnija kienu ġew installati fl-istazzjon tal-Marsa fl-istess sena bl-għajnuna tal-Malta Drydocks.
Boiler Numru 7, li qed jiġi żarmat bħalissa wkoll, huwa l-aħħar impjant jaħdem bl-HFO li għad baqa’ fil-Marsa Power Station. Il-boilers l-oħra kollha, fosthom dawk li nżammu cold standby wara li dan l-istazzjoni intefa f’Marzu 2015, iżżarmaw aktar kmieni din is-sena.
F’Marzu, hekk kif kisbet il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku meħtieġa permezz tal-impjanti tal-elettriku bil-gass naturali, Enemalta setgħet taqta’ darba għal dejjem il-Marsa Power Station mis-sistema tal-elettriku nazzjonali u tibda l-aħħar fażi tat-twaqqigħ tagħha. Dan ix-xogħol jinkludi ż-żarmar tal-impjanti numru 6 u 7, it-tneħħija tas-sistemi ta’ kontroll u tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-istess stazzjon kif ukoll it-twaqqigħ tal-binjiet kollha. Xi apparat, fosthom switchgear u emergency quick-start diesel generator, li kienu twaħħlu f’dawn l-aħħar snin, ser jittieħdu fid-Delimara Power Station sabiex ikomplu jsaħħu s-sistemi f’dan l-istazzjon.
Il-materjali kollha li qed jitneħħew mill-Marsa Power Station qed jiġu sseparati biex jinġarru ‘l barra mis-sit b’mod sostenibbli, skont il-kriterji tar-regolamenti tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ Enemalta. Kemm jista’ jkun, il-materjali qed jiġu esportati għar-riċiklaġġ. S’issa, diġa tneħħew 6,490 tunnellata ta’ ħadid u azzar, 286 tunnellata ta’ ram, 243 tunnellata ta’ metalli oħra u 88 tunnellata ta’ aluminju.
Enemalta plc ser tlesti t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station fl-2018.