Il-Kamra tad-Deputati reġgħet bdiet tiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali li jħarrex il-pieni meta l-qtil ikun meqjus bħala femiċidju.
Malta se tkun it-tieni pajjiż wara Ċipru li tipproponi bidliet leġislattivi li jitrattaw ir-reat tal-femiċidju. Din l-emenda inovattiva u neċessarja nibdet wara li għal ammont ta’ snin ħareġ biċ-ċar li f’pajjiżna hawn żbilanċ bejn ir-raġel u l-mara.
Kienet l-ġrajja makabra tas-Sinjura Paulina Dembska li nqatlet kiesaħ u biered fi ġnien f’Tas-Sliema li wasslet biex ġie preżentat rapport mill-Universita ta’ Malta u l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa “Country Report on Femicide: Research and Data” u tressaq abbozz ta’ liġi.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard tkellem dwar id-delitti marbuta mal-femiċidju li seħħew f’Malta fl-aħħar 200 sena u qal li 30% minnhom seħħew mir-raġel tal-vittma jew qarib tal-vittma.
Konxji ta’ dawn ir-riżultati l-Gvern immedjatament skatta proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet u għaqdiet non-governattivi biex jiġu magħrufa aħjar ir-realtajiet li qed jaffaċjaw in-nisa fis-soċjeta Maltija.
Il-Ministru rrefera għar-riformi li saru f’dan il-qasam minn Gvern Laburista u sostna li l-għan tal-bidliet leġislattivi mhumiex biss biex isiru l-emendi neċessarji fil-liġi, iżda biex ikun ta’ tarka għal dawk li qegħdin ibatu fis-skiet ta’ djarhom u jagħtihom vuċi.